Persuni eliġibbli huma intitolati li jissottomettu talbiet għal-Libertà tal-Informazzjoni (FOI) lill-Awtoritajiet Pubbliċi stabbiliti kollha, inklużi dawk elenkati taħt il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar.

Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni (Verżjoni bl-Ingliż)
Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni (Verżjoni bil-Malti)

Sottomissjoni ta’ Talba/Ilment

Persuni Eliġibbli:

Sabiex tkun eliġibbli biex tissottometti talbiet għall-FOI, persuna trid tkun residenti f’Malta u tkun ilha għal perjodu ta’ mill-inqas ħames snin. Din il-persuna trid tkun ukoll ċittadin ta’ Malta, ċittadin ta’ kwalunkwe stat membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew ċittadin ta’ kwalunkwe stat ieħor li ċ-ċittadini tiegħu għandhom dritt, bis-saħħa ta’ kwalunkwe trattat bejn dak l-istat u l-Unjoni Ewropea, li jiġu ttrattati f’Malta bl-istess mod bħaċ-ċittadini ta’ stati membri tal-Unjoni Ewropea.

Talbiet tal-FOI u ilmenti għandhom jiġu sottomessi bil-miktub, u jistgħu jintbagħtu permezz tal-indirizz elettroniku: [email protected] jew billi jintuża l-portal tal-FOI: www.foi.gov.mt kemm bl-e-ID jew permezz tal-formola online.

Informazzjoni li trid tiġi pprovduta

Meta jissottomettu talba tal-FOI, applikanti huma meħtieġa, apparti li jipprovdu d-dettalji ta’ kuntatt, jagħtu indikazzjoni ta’ x’dokument / informazzjoni jeħtieġu. Għandhom jindikaw ukoll b’liema format jixtiequ li jirċievu d-dokument / informazzjoni, jiġifieri jekk hux kopja pprintjata, kopja elettronika, sommarju / silta tal-kontenut jew billi l-applikant jagħmel spezzjoni tad-dokument / informazzjoni in kwistjoni. Kopji tal-Karta tal-Identità jew tal-passaport u/jew dokumentazzjoni oħra, jistgħu jiġu mitluba mill-Awtorità Pubblika skont il-bżonn, f’każijiet ta’ talbiet relatati speċifikament ma’ individwi, assi/interessi/dritt tal-aċċess tal-individwi.

Tipi ta’ Talbiet

Essenzjalment, wieħed jista’ jitlob għal kull oġġett li huwa miżmum minn awtorità pubblika u li dwaru ġiet irreġistrata informazzjoni fi kwalunkwe forma, inkluż data elettronika, stampi, mudelli fuq skala u rappreżentazzjonijiet viżwali oħra, u reġistrazzjonijiet awdjo jew vidjo, irrispettivament minn jekk l-informazzjoni tista’ tinqara, tidher, tinstema’ jew tinġabar bl-għajnuna jew mingħajr l-għajnuna ta’ kwalunkwe oġġett jew apparat ieħor. Wieħed jista’ jitlob anke għal dokumentazzjoni li fiha politiki, prinċipji, regoli jew linji gwida skont id-deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet meħuda skont il-membri tal-pubbliku (inklużi korpi korporattivi u impjegati tal-awtorità pubblika fil-kapaċità personali tagħhom). Barra minn hekk, persuni eliġibbli għandhom id-dritt li jitolbu informazzjoni (fil-forma ta’ dikjarazzjoni bil-miktub) dwar deċiżjoni jew rakkomandazzjoni magħmula fir-rigward tagħhom jew fir-rigward ta’ korp korporattiv li huma jirrappreżentaw.

Riċevuti

It-talbiet għall-FOI se jiġu debitament rikonoxxuti mill-Awtoritajiet Pubbliċi. Il-formoli ta’ rikonoxximent se jinkludu numru ta’ referenza uniku u indikazzjoni tad-data sa meta tingħata r-risposta. R-riċevuti se jinkludu wkoll informazzjoni speċifika relatata mal-Awtorità Pubblika, bħal indirizz, numru tat-telefon, indirizzi elettroniċi, ħinijiet tal-ftuħ u dettalji tal-proċedura interna tal-ilmenti.

Kontrolli li għandhom jitwettqu mill-Awtorità Pubblika

Malli tirċievi l-formola tal-applikazzjoni, l-Awtorità Pubblika tivverifika jekk it-talba tikkwalifikax bħala talba għall-FOI u tinforma lill-applikant kif xieraq jekk dan ma jkunx il-każ. Jekk jirriżulta li tkun meħtieġa informazzjoni/dokumentazzjoni addizzjonali, l-applikanti jiġu kkuntattjati mill-Awtorità Pubblika li lilha tkun tressqet it-talba u jingħataw l-għajnuna kollha possibbli sabiex jiġi żgurat li tali talba tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Att. Minkejja dan, meta jissottomettu talba għall-FOI, l-applikanti mhumiex meħtieġa jipprovdu l-ebda ġustifikazzjoni biex jitolbu xi dokumentazzjoni/informazzjoni partikolari.

L-Awtorità Pubblika se tivverifika jekk id-dokument / informazzjoni mitluba humiex miżmuma għandha. Jekk dan ma jkunx il-każ tali Awtorità Pubblika tfittex li tidentifika l-entità proprja li lilha għandha tiġi sottomessa t-talba u tittrasferixxi tali applikazzjoni kif xieraq (tinforma lill-applikant fil-proċess). Jekk l-ebda entità alternattiva ma tiġi identifikata (jiġifieri li d-dokument / informazzjoni mhuma għand l-ebda Awtorità Pubblika) l-applikant se jiġi infurmat.

Ipproċessar tat-talba

Ladarba tistabbilixxi li talba hija talba FOI u tista’ tiġi indirizzata mit-tmiem tagħha, l-Awtorità Pubblika tiddetermina jekk tistax tipprovdi lill-applikant bid-dokument/informazzjoni mitluba (kompletament jew parzjalment) jew jekk tirrifjutax it-talba. Qabel ma tieħu deċiżjoni f’dan ir-rigward, l-Awtorità Pubblika għandha tikkunsidra jekk tapplikax xi waħda mill-eżenzjonijiet elenkati fl-Att FOI. L-Awtorità Pubblika se tissottometti notifikazzjoni jekk it-talba ġietx milqugħa jew le, fi żmien 20 ġurnata tax-xogħol minn meta waslet għand l-Awtorità Pubblika. 20 ġurnata tax-xogħol oħra jistgħu jingħataw bħala estensjoni, li jġibu t-total ta’ massimu ta’ 40 ġurnata tax-xogħol mid-data ta’ meta waslet it-talba oriġinali għand l-Awtorità Pubblika.

Ħlasijiet

Meta tissottometti tweġiba lill-Applikant, l-Awtorità Pubblika għandha tindika jekk japplikawx xi drittijiet. Jekk applikabbli, dawn il-miżati għandhom ikopru biss l-ispejjeż relatati mat-tqegħid ta’ dokument disponibbli għall-applikant, jiġifieri sigħat ta’ pproċessar, spejjeż ta’ fotokopji/faks u midja diġitali u spejjeż relatati mal-ispezzjonijiet. Minkejja dan ta’ hawn fuq, il-miżata totali applikabbli m’għandhiex taqbeż l-€40. L-ebda miżata addizzjonali ma tista’ ssir għas-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet jew ilmenti.

L-ammonti ta’ ħlas mitluba huma rregolati bl-Avviż Legali: L.N. 158 of 2010.

Azzjoni ta’ Rimedju

Jekk l-applikant ma jkunx sodisfatt bir-risposta mogħtija mill-Awtorità Pubblika vis-à-vis it-talba tagħha, l-applikant ikun intitolat li jressaq ilment lill-istess Awtorità Pubblika. Jekk, sussegwentement, l-applikant jibqa’ mhux sodisfatt bir-risposta li jkun irċieva, jista’ jressaq appell mal-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data (IDPC). Jekk l-applikant jibqa’ mhux sodisfatt bir-riżultat tal-appell jista’ jappella lit-Tribunal tal-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data u, sussegwentement, lill-Qorti tal-Appell. Ilmenti jistgħu jiġu sottomessi għal dawn ir-raġunijiet:

– L-Awtorità Pubblika applikat estensjoni għall-iskadenza ta’ 20 jum tax-xogħol.
– L-Awtorità Pubblika imponiet ħlas li huwa meqjus bħala eċċessiv.
– Id-dokument mhux qed jiġi pprovdut fil-format mitlub.
– It-talba qed tiġi rrifjutata (għal eż. talba mhux meqjusa bħala talba FOI).
– L-Awtorità Pubblika ma tirrispettax l-iskadenza ta’ 20 jum tax-xogħol (jew l-iskadenza indikata fin-notifika ta’ estensjoni, jekk applikabbli) biex tissottometti tweġiba.

Applikanti jistgħu jissottomettu ilment permezz tal-website tal-IDPC billi jidħlu hawn.

Tirċievi dokumentazzjoni / informazzjoni

Kull meta Awtorità Pubblika tikkomunika deċiżjoni lil Applikant li jingħata aċċess għal dokument/informazzjoni. L-applikant għandu wkoll jiġi mistieden jagħmel il-ħlas tal-miżati (jekk applikabbli). Fi żmien 10 ijiem tax-xogħol wara l-ħlas, l-Awtorità Pubblika tipprovdi d-dokument/informazzjoni fl-istess format li kien talab l-applikant oriġinarjament jew, jekk dan ma jkunx possibbli, fi kwalunkwe format ieħor meqjus xieraq mill-Awtorità Pubblika. L-applikanti li jissottomettu talbiet permezz tal-portal tal-FOI (www.foi.gov.mt) jistgħu jingħataw il-possibbiltà li jniżżlu d-dokument/informazzjoni direttament mis-sit.

Jekk l-ebda ħlas mhu se jintalab, id-dokument / informazzjoni se jiġu mogħtija fi żmien 10 ġranet tax-xogħol minn meta toħroġ in-notifikazzjoni. It-talba se tkun ikkunsidrata abbandunata mingħand l-applikant jekk il-ħlas dovut ma jitħallasx fi żmien 20 ġurnata tax-xogħol minn meta toħroġ in-notifikazzjoni.

Awtoritajiet Pubbliċi taħt il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar

L-informazzjoni pprovduta skont l-Artikolu 17 tal-Att dwar il-Ħelsien tal-Informazzjoni tista’ tara billi taċċessa l-links ta’ hawn fuq jew billi tikkuntattja lil:

Uffiċjal Prinċipali tal-Ħelsien tal-Informazzjoni,
Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar,
Pjazza San Franġisk,
Ir-Rabat, Għawdex,
VCT 1335

Telefown: +356 22156400

FacebookTwitter
għawdex
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.